Imħabbra inizjattiva oħra li se twaqqaf qasam ekonomiku ġdid tal-aircraft leasing

Last Updated on Thursday, 11 June, 2020 at 9:01 am by Andre Camilleri

Il-Prim Minsitru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg nedew inizjattiva ġdida li permezz tagħha se jinħoloq settur ekonomiku ġdid tal-aircraft leasing.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini ta’ Transport Malta, f’Ħal Lija, il-Prim Ministru saħaq li dan huwa Gvern ambizzjuż u jinsab konvint li pajjiżna jista’ jirnexxi wkoll f’dan is-settur biex ikun fost l-ewwel ġurisdizzjonijiet fid-dinja li jressaq lejh kumpaniji li jikru l-ajruplani.

Qal li fl-aħħar snin pajjiżna bena cluster tal-avjazzjoni li jaqdi bosta mill-bżonnijiet tal-industrija, minn dawk tal-manutenzjoni u l-immaniġġjar tal-ajruplani sal-iffinanzjar. Sostna li kien jonqosna ħolqa waħda, dik tal-aircraft leasing li fiha hemm involviment qawwi minn għadd ta’ oqsma li mhumiex direttament marbuta mal-industrija tal-avjazzjoni, bħal ditti legali, banek, u dawk tal-assikurazzjoni. Dr Abela qal li b’din l-inizjattiva qegħdin nilħqu tliet skopijiet fejn qed nagħtu spinta ġdida lill-industrija tal-avjazzjoni, qed ninvestu f’qasam ekonomiku ġdid li għandu potenzjal qawwi u qed ngħaqqdu l-kullana sħiħa tal-cluster tal-avjazzjoni f’pajjiżna.

“Malta hija hub tal-avjazzjoni u issa se tkun hub iktar b’saħħtu, hub li joffri s-servizzi kollha li jistgħu jiġu bżonn il-kumpaniji tal-ajru fil-qasam tal-avjazzjoni”, qal il-Prim Ministru waqt li sostna li dan is-settur se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija tagħna u għalhekk inżidu impjiegi ta’ kwalità.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li l-inizjattiva aircraft leasing Malta se twessa’ l-varjetà ta’ servizzi differenti li pajjiżna joffri f’dan is-settur b’saħħtu li għandu l-fiduċja ta’ diversi investituri.

Qal li minkejja l-inċertezza madwar il-pandemija, din is-sena biss, pajjiżna ra żieda ta’ 98 ajruplan fir-reġistru tal-ajruplani li llum qabeż l-475 ajurplan. Il-Ministru Borg qal li issa ħassejna l-bżonn li jkollna pjattaforma aktar strutturata fejn l-industrija tkun tista’ twassal l-ideat tagħha u tipparteċipa fi djalogu mal-Gvern.

Fi preżentazzjoni li saret waqt il-konferenza, id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace qal li din l-inizjattiva ġiet varata wara żmien twil ta’ studji, laqgħat u proċessi legali. “Din hija inizjattiva li ilha ħafna tberren f’moħħna għaliex kienet il-ħolqa li kien jonqosna biex ngħaqqdu l-kullana sħiħa ta’ servizzi marbutin mal-industrija tal-avjazzjoni.”

Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joe Bugeja stqarr li bħalma pajjiżna huwa magħruf għar-reputazzjoni kbira li tgawdi l-bandiera Maltija fil-qasam marrittimu, li huwa fost l-iktar reġistri stabbilità fid-dinja, ir-reġistru Malti tal-avjazzjoni magħruf bil-marka 9H qiegħed ikompli jikber u hekk mistenni jseħħ ukoll fil-qasam tal-kiri tal-ajruplani.

- Advertisement -